Jitħabbar il-ftuħ ta’ staġun limitat tal-insib

Wara r-rikomandazzjoni tal-Ornis Committee (Malta) il-Gvern illum ippubblika Regolamenti dwar l-Konservazzjoni tal-Għasafar Selvaġġi 2013  li permezz ta’ dan l-Avviż qed jitħabbar il-ftuħ ta’ staġun limitat tal-insib tal-Pluviera u l-Malvizz taħt kondizzjonijiet sorveljati.

Il-Wild Birds Regulation Unit (WBRU) fi ħdan il-Ministeru għall-Iżvilupp Sostenibbli, Ambjent u Tibdil fil-Klima qed iħabbar sejħa għall-applikazzjonijiet ta’ liċenzji speċjali għall-insib fil-Ħarifa li tippermetti l-insib limitat ta’ 2 speċi biss, jiġifieri l-Malvizz u l-Pluviera.

L-insib għall-Malvizz huwa permess mill-20 ta’ Ottubru 2013 sal-31 ta’ Diċembru 2013, iż-żewġ dati inklużi, filwaqt li l-insib għall-Pluviera huwa permess mill-20 ta’ Ottubru 2013 sal-10 ta’ Jannar 2014, iż-żewġ dati inklużi.

Il-qbid massimu nazzjonali għal dan l-istaġun huwa ta’ 5,000 Malvizz u 1,150 Pluviera, filwaqt li l-qbid individwali matul dan l-istaġun għal kull liċenzja huwa ta’ 6 għasafar. L-istess bħas-sena l-oħra, persuni li huma liċenzjati li jonsbu ħa jkunu mitluba jirrappurtaw kull għasfur li jaqbdu permezz ta’ messaġġ fuq in-numru indikat fuq il-liċenzja.