Jitgħannqu fil-Qorti wara vjolenza domestika

Koppja dehru jitgħannqu u juru affezzjoni lejn xulxin fil-Qorti  wara li allegatament il-mara sfat vittma ta’ vjolenza domestika. Il-mara qalet li hi tixtieq li tibqa’ tgħix mar-raġel tagħha. Dan ħareġ wara li r-raġel tagħha tressaq il-Qorti akkużat li fera ħafif lil martu u nissel fiha biża’.

Il-mara li kienet liebsa nuċċali tax-xemx qalet li bħala koppja kellhom xi jgħidu fuq xi ħaġa personali meta ġara dan l-inċident. L-ispettur qal li r-raġel qallu li l-mara bdiet tgaralu l-affarijiet u hu beda jipprova jipproteġi lilu nnifsu.

Il-pulizija saru jafu bl-inċident wara li l-mara ddaħħlet l-isptar minħabba l-ġrieħi li sofriet. L-avukat tad-difiża qal li l-akkużat mhux ħati u talab għall-ħelsien mill-arrest. Tenna li kien l-akkużat li għamel l-ewwel kuntatt mal-pulizija.

Il-Qorti ordnat ordni ta’ protezzjoni lil mara u pprojbit lil akkużat li ma jistax jabbuża mill-mara tiegħu.

Il-maġistrat wissietu li ma jistax iwettaq l-ebda abbuż fuq martu u qaltlu li issa hemm ordni mill-qorti. Qaltlu li issa jista’ jeħel piena ta’ ħabs jew multa.

L-akkużat ingħata l-ħelsien mill-arrest fuq depożitu ta’ €300 u garanzija personali ta’ €3,700.