Jitfgħu l-bajd lejn twieqi ta’ djar bl-istatwa tad-Duluri

Il-Pulizija qed tinvestiga każ ta’ tfiegħ ta’ bajd lejn residenzi fil-Kalkara, tnejn minnhom li għandhom statwa tad-Duluri tidher mit-triq.
Persuna li toqgħod il-Kalkara qalet ma’ Newsbook.com.mt li kif tħobb tagħmel ta’ kull sena poġġiet l-istatwa tad-Duluri tagħha wara ħġieġa, b’tali mod li l-istatwa tidher mit-triq. Il-persuna, li xtaqet tibqa’ anonima, spjegat li matul il-lejl illi għadda bejn il-11:00pm u nofsillejl xi persuni mhux magħrufa tefgħu l-bajd lejn id-dar tagħha.
Kelliema għall-Pulizija qalet ma’ Newsbook.com.mt li daħal ir-rapport ta’ dan il-vandaliżmu fil-11:30pm ilbieraħ. Qalet li żewġ djar ġew affettwati. Żiedet tgħid li l-investigazzjonijiet dwar dan il-każ għadhom għaddejjin.
Mistoqsija dwar jekk taħsibx li kienet fil-mira ta’ dan l-att minħabba r-reliġjon Nisranija li tħaddan, il-persuna affettwata qalet ma’ Newsbook.com.mt li ma setgħetx tikkonferma dan fiċ-ċert. Żiedet tgħid li taf bi tliet residenzi oħra fl-istess żona li wkoll ntlaqtu mill-bajd.
Residenta oħra tal-Kalkara li tkellmet ma’ Newsbook.com.mt spjegat kif sabet madwar nofs tużżana bajd mal-ħajt tad-dar tagħha dalgħodu. Qalet li bil-lejl semgħet xi għajjat fit-tarf tat-triq tagħha iżda qalet li beżgħat toħroġ biex tnaddaf il-bajd. Hi wkoll kellha statwa tad-Duluri wara ħġieġa.