Linji gwida għal tfal li jidhru fuq billboards politiċi

Tfasslu linji gwida ġodda sabiex jiġu protetti tfal u minorenni minn konsegwenzi negattivi meta dawn jidhru fuq billboards, riklami, kampanji elettorali u l-bqija.
Fi stqarrija maħruġa mill-Uffiċċju tal-Kummissarju għat-Tfal, ġie nnutat li b’elezzjoni fil-qrib, ikunu bosta dawk l-entitajiet li jużaw l-immaġni tat-tfal għall-komunikazzjoni politika tagħhom.
Pauline Miceli, il-Kummissarju għat-Tfal, irrimarkat li filwaqt li l-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Magħquda (UN) dwar id-Drittijiet tat-Tfal tagħti lill-minuri d-dritt li jipparteċipaw, jiffurmaw opinjoni u jassoċjaw ruħhom ma’ entità politika, madankollu l-isfruttament tagħhom jista’ jwassal għal ibbuljar u diskriminazzjoni.
B’hekk il-Kummissarjat talab lill-Awtorità Maltija dwar il-Kompetizzjoni u l-Affarijiet tal-Konsumatur sabiex tfassal dawn l-istandards.
Fil-kumitat tekniku li fassal dawn l-istandards kien hemm entitajiet ewlenin f’Malta, bħall-Aġenzija Appoġġ, l-Alternattiva Demorkatika, l-Assoċjazzjoni Maltija Awdjo-Viżiva, l-Awtorità tax-Xandir, il-Kummissarju għat-Tfal, il-Kummissjoni għad-Drittijiet ta' Persuni b'Diżabbiltà, il-Partit Laburista, il-Partit Nazzjonalista, l-Uffiċċju tal-Kummissarju dwar l-Informazzjoni u l-Protezzjoni tad-Dejta, il-Fakultà għat-Tisħiħ tas-Soċjetà fi ħdan l-Università ta' Malta u s-Servizz tax-Xandir Pubbliku.
L-istandards jeżiġu li biex tfal jew minorenni jidhru f’dawn l-attivitajiet, irid ikun hemm assessjar minn professjonisti fil-qasam soċjali, anki qabel ma jingħata l-permess mill-ġenituri.
Dawn il-linji gwida huma miftuħa għall-konsultazzjoni pubblika sal-Ġimgħa, 26 ta' Mejju.