Jitfasslu l-prijoritajiet li se jwasslu lill-UE għall-elezzjonijiet tal-2019

Il-President tal-Kummissjoni Ewropea Jean-Claude Juncker flimkien mal-President tal-Parlament Ewropew, Antonio Tajani, u l-Prim Ministru tal-Estonja, Jüri Ratas, f’isem il-Presidenza tal-Kunsill illum iffirmaw d-Dikjarazzjoni Konġunta dwar il-prijoritajiet tal-Unjoni Ewropea li se jwasslu għall-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew fl-2019.
Id-Dikjarazzjoni tistabbilixxi 31 proposta li se jingħataw prijorità mill-Parlament u mill-Kunsill biex isir progress sa dawn l-elezzjonijiet.
Il-President Juncker qal jinsab fiduċjuż għall-mod kif isiru l-liġijiet fl-Unjoni Ewropea bis-sehem ewlieni tal-Kummissjoni li tipproponi l-liġijiet fil-waqt li l-Kunsill u l-Parlament jimxu flimkien biex jaqblu fuq dawn il-liġijiet.
Sostna li dawn se jfissru f’impen għat-18-il xahar li ġejjin biex jinstabu soluzzjonijiet konkreti għall-isfidi li qed taffaċċa l-Ewropa llum, filwaqt li sostna li l-membri għandhom jibqgħu magħqudin fl-interessi tal-Ewropej.
Id-Dikjarazzjoni Konġunta tistabbilixxi seba' oqsma ta' prijorità:

  1. Protezzjoni aħjar għas-sigurtà taċ-ċittadini;
  2. Riforma u żvilupp tal-politika tagħna dwar il-migrazzjoni fi spirtu ta' responsabbiltà u solidarjetà;
  3. Spinta ġdida għall-impjiegi, it-tkabbir u l-investiment;
  4. Indirizzar tad-dimensjoni soċjali tal-Unjoni Ewropea;
  5. Twettiq tal-impenn tagħna li nimplimentaw Suq Uniku Diġitali konness;
  6. Twettiq tal-għan tagħna ta' Unjoni tal-Enerġija ambizzjuża u politika progressiva dwar it-tibdil fil-klima; kif ukoll
  7. Iktar żvilupp tal-leġittimità demokratika fil-livell tal-UE.