Jitfassal qafas li għandu jirregolarizza l-Intrapriżi Soċjali

Il-Ministeru għall-Ekonomija, Investiment u Intrapriżi Żgħar u l-Ministeru għall-Familja u Solidarjetà Soċjali llum iffirmaw Memorandum of Understanding bejniethom f'antiċipazzjoni tal-Att tal-Intrapriżi Soċjali.   
L-Att dwar l-Intrapriżi Soċjali għandu l-għan li jintroduċi u jiżviluppa s-settur tal-intrapriżi soċjali waqt li jagħti spinta u opportunità lil dawn il-mudelli ġodda ta’ negozju.
Barra minn hekk, l-intrapriżi soċjali se jiffokaw fuq l-għan soċjali u fuq il-persuni żvantaġġati li lilhom iridu jaqdu u jassistu.
Għal ħafna snin, l-intraprendituri soċjali ħadmu biex jiġi kkunsidrat mill-ġdid il-mod kif jiġu indirizzati l-aktar problemi soċjali li rabbew għeruq fil-fond, bħall-faqar, id-differenza fil-prestazzjoni, l-esklużjoni soċjali u l-qagħad.
Madankollu, filwaqt li għaqdiet eżistenti diġà għandhom il-karatteristiċi neċessarji li huma tipiċi f’intrapriżi soċjali, sa llum għad mhemmx struttura legali li tippermettilhom jidentifikaw ruħhom f’qafas regolatorju.

Ritratt: DOI – Clifton Fenech