Jitfakkar it-350 anniversarju tal-wasla tar-reliġjon Kattolika fit-Tajlandja

Il-Kardinali Filoni fit-Tajlandja

Il-Kardinal Fernando Filoni, Prefett tal-Kongregazzjoni għall-Evanġeliżazzjoni tal-Popli għamel Żjara Pastorali fit-Tajlandja biex jiċċelebra t-350 anniversarju tal-Vikarjat Apostoli ta’ Siam li jfisser il-bidu tal-preżenza tal-Knisja Kattolika fit-Tajlandja.

Huwa wasal fit-Tajlandja nhar il-Ġimgħa li għadda. Iltaqa’ mal-Isqfijiet tal-pajjiż fil-Kattidral tal-Annunzjazzjoni. Il-Ħadd mar fil-belt ta’ Sampran, madwar 30 kilometru bogħod minn Bangkok u mexxa ċ-Ċelebrazzjoni Ewkaristika solenni biex tfakkar dan l-anniversarju.

Filoni ltaqa’ wkoll mar-reliġjużi, seminaristi u katekisti fil-knisja dedikata lill-Beatu Nicholas Boonkerd Kitbamrung li kien miet fil-ħabs fejn kien qed jinżamm fuq akkuża ta’ spjunaġġ wara ħajja dedikata kollha kemm hi lil Alla u x-xandir tal-Aħbar it-Tajba f’dan il-pajjiż.  Hu kien Beatifikat mill-Papa San Ġwanni Pawlu II fis-sena 2000.

Popolazzjoni tribali

Il-Ħadd, il-Kardinal mar f’Chiang Mai fit-Tramuntana tat-Tajlandja fejn hemm preżenza qawwija ta’ popolazzjonijiet tribali fejn intlaqa’ mill-gruppi etniċi tal-Akha u Lanna. Hawnhekk ukoll iltaqa’ mas-saċerdoti, reliġjużi, katekisti u mexxejja tar-raħal u qaddes ukoll.

Illum, il-Prefett tal-Kongregazzjoni għall-Evanġeliżazzjoni iltaqa’ ma gruppi etniċi oħra fil-villaġġ missjunarju ta’ Mae-Porn.

Għada l-Kardinal Filoni se jżur il-knisja ta’ San Ġużepp u l-villaġġ Portugiż ta’ Ayuthaya, fejn il-missjunarji kienu żergħu l-ewwel żerriegħa tal-Aħbar it-Tajba li dak iż-żmien kienet tifforma parti mis-Saltna ta’ Siam.

Hemmhekk se jżur il-fdalijiet storiċi tal-belt l-antika fejn hemm fdalijiet importanti tal-Kattoliċi u l-Buddisti.