Jitfakkar il-jum kontra l-esperimenti nukleari

Illum id-dinja tfakkar il-jum dinji kontra l-esperimenti nukleari. Dan il-jum beda jiġi mfakkar mill-2010. Id-data kienet ġiet stabillita wara t-tmiem tal-64 Assembleja Ġenerali tal-Ġnus Maqgħuda lura fl-2009.  

Dakinhar, il-pajjiżi tal-Ġnus Maqgħuda qabblu dwar risoluzzjoni biex jikber l-għarfien dwar l-effetti tal-esperimenti u armi nukleari. Ir-riżoluzzjoni tinsisti fuq il-bżonn li jinqerdu darba għal dejjem l-armamenti nukleari.

Ir-riżolozzjoni ġiet proposta mill-Kazakhstan waqt it-tifkira tal-għeluq ta’ sit nukleari f’Semipalatinsk, f’Kazakhstan stess. L-għeluq ta’ dan is-sit wasal propju bħal-lum 22 sena ilu.

Wara li ġie stabbilit il-jum uffiċċjali kontra l-esperimenti nukleari f’Mejju tal-2010, l-Istati Membri tal-Ġnus Maqgħuda qabblu dwar it-trattat kontra l-armi nukleari. Il-pajjiżi dakinhar ikkommettew ruħhom li “jiksbu l-paċi u s-sigurtà f’dinja mingħajr armi nukleari”.

Aktar kmieni din is-sena l-Korea ta’ Fuq ħabbret li se tkun qed terġa’ tibda tħaddem l-impjant nukleari f’Yongbyon. Fis-sit li fih jinsab l-impjant nukleari hemm ukoll sors ta’ plutonju, sustanza li tintuża biex jsiru armi nukleari.

Din l-aħbar ħarġet qalb serje ta’ provokazzjonijiet minn dan il-pajjiż, liema azzjonijiet provokattivi nkwetaw lill-komunita’ internazzjonali. 

L-aħħar darba li l-Korea ta’ Fuq għamlet testijiet nukleari kien fi Frar li għaddha. Meta ġara dan, in-Nazzjonijiet Uniti żiedu s-sanzjonijiet fuq dan il-pajjiż. Minn dak iż-żmien ’l hawn, il-Korea ta’ Fuq qalet li fil-mira tal-attakki tagħha hemm l-Istati Uniti u l-Korea t’Isfel.