Jitfakkar il-jum dinji tal-ilma bi proposti konkreti għal-lukandi

Hekk kif illum qed jitfakkar il-jum dinji tal-ilma, diversi negozji u lukandi madwar Malta u Għawdex ingħatatilhom għajnuna prattika dwar kif jistgħu jiffrankaw fil-konsum tal-ilma.

85% tan-negozji u l-lukandi jistgħu jiffrankaw bejn 10 u 15% mill-konsum tal-ilma billi jaddottaw proċeduri sempliċi anke bil-għan li jnaqqsu l-ispiża. Dan sostnieh Geoffrey Saliba, ko-ordinatur tal-proġett EU LIFE+, li żied jgħid li l-importanza li jitnaqqas il-konsum tal-ilma, kienet riċentament meqjusa bħala priorità mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika. Dan hekk kif sa mis-sena 2004, il-konsum tal-ilma żdied b’medja ta’ 3.5% fis-sena.

Il-pakkett li qed ikun offrut lin-negozji u l-lukandi fl-okkażjoni tal-jum dinji tal-ilma jinkludi analiżi ta’ sentejn dwar il-konsum tal-ilma, taħriġ għall-ħaddiema u anke għajnuna lill-viżitaturi bil-għan li jnaqqsu l-konsum tal-ilma.

Hu mifhum li n-negozji u l-lukandi se jkunu ppreżentati b’ rapport li jissuġġerixxi soluzzjonijiet u t-taħriġ għall-implimentazzjoni ta’ dawn is-soluzzjonijiet. Għal aktar informazzjoni, wieħed jista’ jżur is-sit investinginwater.org