Jitfakkar il-Ġiżwita Turu fil-jum li kieku għalaq 90 sena

Read in English.

Il-Ġiżwita Fr Arthur Vella SJ, jew kif kien magħruf ma’ dawk li kienu jafuh, Turu, illum kien jagħlaq 90 sena li kieku għadu magħna. Huwa miet sentejn ilu fil-festa tal-Pentekoste.

Fr Joe Borg kiteb editorjal iddedikat lill-memorja ta’ Fr Arthur, u qal li huwa ħalla ħafna orfni warajh. Dawn inkludew koppji miżżewġin li salva, individwi li empatizza magħhom u tahom direzzjoni spiritwali, qassisin li ma kinux ikunu għadhom qassisin li kieku ma kienx għall-għajnuna tiegħu.

Il-lista ta’ orfni li ħalla warajh Fr Arthur tinkludi wkoll lill-Isqof il-ġdid t’Għawdex Dun Anton Teuma, li ddeskrivieh bħala t-tieni missier tiegħu, u l-Isqof Awżiljarju Joseph Galea-Curmi, qal Fr Joe.

Fr Arthur twieled iż-Żejtun fis-27 ta’ Settembru, 1930, il-kbir fost erbat aħwa.

Fr Joe semma li lil Fr Arthur jiftakru bħala d-direttur spiritwali tiegħu, l-għalliem u l-ħabib tiegħu. Xebbhu mal-Papa Franġisku fil-mod kif kien jemmen fil-ħniena tal-Mulej, u ta’ kif kien jimxi fuq it-tagħlim ta’ San Injazju ta’ Loyola.