Jitfakkar id-90 anniversarju mill-ewwel film talkies

Fis-6 t’Ottubru 1927 fit-teatru Warner f’New York fl-Istati Uniti l-film The Jazz Singer tniżżel fl-istorja ċinematografika meta sar l-ewwel film talkies, jiġifieri bil-ħoss, li ntwera f’dan it-teatru hekk magħruf. Dan hu film li kellu bħala attur ewlieni lill-kantant Al Jolson. 
Biex ifakkar dan l-anniversarju, il-Kunsill Lokali ta’ Raħal Ġdid bl-għajnuna tas-Soċjetà Internazzjonali Al Jolson, inawgura wirja b'tifkira. 
Qabel ifetħet il-wirja f’ċerimonja qasira ġiet imħawwla siġra u nkixfet plakka kommemorattiva fil-ġnien Pawlu Boffa f'Raħal Ġdid. Il-Kunsill Lokali ħass li kellu jfakkar dan il-mument storiku fl-istorja hekk kif din il-lokalita kienet mogħnija b'bosta ċinema differenti tul is-snin.
Il-wirja, li qed issir fis-sala ewlenija tal-Kunsill Lokali Raħal Ġdid, se tibqa miftuħa sal-Ħamis 12 ta' Ottubru 2017 fil-ħinijiet tal-ftuħ tal-Kunsill u fiha wieħed jista’ jara bosta ritratti antiki mill-film The Jazz Singer kif ukoll jara filmati ta’ dan l-ewwel film.