Jitfa’ ħarstu fuq tfajla Maltija b’ħarsitha misterjuża

Wara l-puntata ta’ introduzzjoni li xxandret il-ġimgħa l-oħra, TVM fil-4.45pm illum se jkun qed juri l-ewwel episodju tas-sensiela Il-Ħarsa ta’ Rużann ta’ Francis Ebejer b’addattament u direzzjoni ta’ Albert Marshall u produzzjoni ta’ Horizons.

L-Ewropa matul l-1835 – 1840 – kienu żminijiet ta’ progress industrijali kbir. Kien ukoll żmien ir-rewwixti u l-faqar fil-bliet il-kbar. Żmien meta fil-pajjiżi Ewropej beda jinħass il-mewġ tar-Rivoluzzjoni ta’ Lulju tal-1830 f’Pariġi. Bdew jinxterdu bosta ideat liberali u Romantiċi.

Il-ġrajja tagħna tibda fis-snin 40 tas-seklu dsatax wara li l-Baronċin Mark-Antonin ikun ġie lura mill-vjaġġi tiegħu fl-Ewropa. Matul is-snin 1835 – 1840, il-Baruni żagħżugħ kien ra b’għajnejh id-differenzi soċjali kbar li kienu jeżistu bejn il-klassijiet aristokratiċi u tal-klassijiet il-baxxi.

F’Malta, Mark-Antonin isib li n-nobbilta’ kienet għadha taħkem lill-fqar u lill-bdiewa b’mod fewdali. Il-Baruni jaħlef li jkisser il-ktajjen tal-qedem u jintroduċi riformi kbar. Imma jitfa’ ħarstu fuq tfajla għal kollox Maltija, bidwija, fjura tal-Mediterran, ta’ ħarsitha misterjuża…tas-seħer…

Anton Farrugia, Anthony Ellul, Anna Bassily, Narcy Calamatta, Antonella Galea Loffreda, Christine Micallef, Karen Magro, Michael Sciortino u Sarah Lee Zammit huma fost dawk li jieħdu sehem f’din il-produzzjoni.

Il-Ħarsa ta’ Rużann jixxandar eżatt wara Leli ta’ Ħaż-Żgħir li jintwera fl-4.15pm.