Jitfa’ flixkun lil mara; tispiċċa bil-punti f’rasha

Raġel li weġġa’ mara meta tefgħalha flixkun tal-ħġieġ ma ngħatax ħelsien mill-arrest.

L-Eritrean li joqgħod fl-Imsida ġie akkużat li weġġa’ lill-mara b’mod gravi, li uża l-forza kontriha u kontra l-imgħallem tagħha, li insultahom u heddidhom.

L-akkużat ta’ 31 sena li jaħdem ġo supermarket kien twissa minn sid il-bar tal-Marsa fejn ġara l-inċident biex ma jibqax imur ġol-bar, peress li kellu reputazzjoni ħażina meta jkun xurban.

Ilbieraħ, meta l-bar kien qed jagħlaq, l-akkużat ma riedx jitlaq. Tefa’ flixkun immirat lis-sid, iżda ma laqtux. Tefa’ flixkun ieħor, u b’dan laqat lill-mara li taħdem mal-bar. Hi kellha tagħmel 5 punti f’rasha u 6 punti f’idha, skont ma nstema’ fil-qorti llum.

L-avukat tal-akkużat qal li l-akkużat mhux ħati; sempliċiment kien xurban u ma kienx jaf x’qed jagħmel.

Il-Qorti ma tatux ħelsien mill-arrest peress li għad hemm xhieda li jridu jixhdu.