Jistupra mara fil-Bulgarija; kien akkużat bi stupru f’Malta

Read in English.

Raġel Netherlandiż li kien ġie akkużat bi stupru f’Malta fl-2013, jinsab arrestat f’daru fil-Bulgarija wara li ġie akkużat li stupra mara ta’ 32 sena f’Sofia fil-Milied.

Dan qed jiġi rrappurtat permezz tal-medja tal-lokal u dawk fin-Netherlands. Johan Stellingwerf, li għandu 38 sena, qal li ltaqa’ mal-mara f’bar f’Sofia u ħadha lura miegħu f’daru. Qed jingħad li hemm hu tagħha tixrob xi ħaġa li kellha toma stramba. Wara hu stupraha u waddabha ‘l barra minn daru. Dan ġie rrappurtat mis-sit Dir.bg.

Fl-2007, Stellingwerf intbagħat il-ħabs fin-Netherlands wara żewġ każi ta’ stupru u tliet attentati ta’ stupru. Dan wara li hu kien ġie deportat mill-Brażil meta għamel xi żmien kien maħrub. Fl-2010, is-sentenza tiegħu fil-ħabs tnaqqset għal ħames snin u tmien xhur fil-Qorti tal-Appell hekk kif din il-Qorti qalet li ma kienx hemm biżżejjed evidenza li hu kien ġiegħel lill-vittmi tiegħu jikkunsmaw il-valju u l-kloroform. Il-Qorti waqqgħetlu wkoll tlieta mill-akkużi fil-konfront tiegħu.

Wara li hu nħeles mill-ħabs, fl-2014 hu beda jiġi suspettat bi stupru f’Malta, Spanja u hemm ċans li anke kellu xi każ fil-Polonja.

Skont is-sit Bulgaru Lupa.bg, investigaturi tal-pulizija qalu li kien hemm minn tal-inqas tliet nisa oħra li qalu li kienu ġew attakkati minn Stellingwerf.

X’inhu l-każ f’Malta?

Fl-2013, ir-raġel kien tressaq il-Qorti akkużat li stupra lill-eks-sieħba tiegħu f’Malta fl-2012. Hu kien wieġeb mhux ħati tal-akkużi u sfida lill-pulizija biex iressqu lill-mara l-Qorti talli tat rapport falz lill-pulizija u gidbet taħt ġurament.

Il-ġurnal Times of Malta kien irrapporta li Stellingwerf kien tressaq f’Ġunju tal-2013 akkużat bi stupru u li ffroda lill-vittma €25,000. Skontu, ladarba t-tfajla kienet talbet lill-pulizija twaqqa’ r-rapport tagħha biex jumejn wara terġa’ tibdel fehmtha juri li l-akkużi ta’ stupru huma “estinti”.