Jistiednu lil-Laburisti imma mhux lilna fil-Fgura – PN

Qed issir deskriminazzjoni kontra l-Kunsilliera Nazzjonalisti għal raġunijiet politiċi skont il-Partit Nazzjonalista b’referenza għal attività fil-Fgura li għaliha ġew mistiedna persuni mill-Partit Laburista imma mhux mill-PN.

Fi stqarrija, il-PN qal li saret attività fl-Uffiċċji l-ġodda tal-Kunsill Lokali tal-Fgura li għaliha l-kunsilliera Nazzjonalisti ma kienux infurmati jew mistiedna għaliha. Għal din l-attività kienu mistednin Ministru u u żewġ Segretarji Parlamentari. Il-PN iddeplora l-aġir tas-Sindku u s-Segretarju Eżekuttiv fil-kapaċità tagħha ta’ Kap Amministrattiv.

Skont il-PN, din ma kienetx l-ewwel okkażjoni fejn kemm iż-żewġ kunsillieri Nazzjonalisti kif ukoll kunsillieri oħrajn ma kienux infurmati b’attivitajiet jew żjarat li saru f’dan l-uffiċċju l-ġdid, li għadu mhux inawgurat uffiċċjalment.

“Din l-attività kienet motività b’mod politiku u b’mod żbilanċjat mis-Sindku u s-Segretarja Eżekuttiva, li filwaqt li kien preżenti is-Segretarju Parlamentari responsabbli mill-Kunsilli Lokali, li ma kellu x’jaqsam xejn mal-iskop tal-attività, il-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Kunsilli Lokali Robert Cutajar ġie wkoll eskluż milli jkunu preżenti” qal il-PN.

Il-Kunsilliera Nazzjonalisti tal-Fgura qed jitlobu li immedjatament “tieqaf din id-deskriminazzjoni bejn il-Kunsillieri”, u li l-Kunsillieri kollha jiġu rispettati u stmati l-istess.