Jistgħu jorħsu t-tariffi tal-parkeġġ fl-Isptar Mater Dei

Newsbook.com.mt jinsab infurmat li qed issir analiżi tal-parkeġġ tal-Isptar Mater Dei. Din għandha twassal biex jinstabu metodi kif dan jista’ jitħaddem b’inqas spejjeż.

Kelliem għall-Ministeru tas-Saħħa ma eskludiex li dan jista’ jwassal biex jitraħħsu t-tariffi tal-parkeġġ.

Fi tweġibiet għall-mistoqsijiet ta’ Newsbook.com.mt, il-Ministeru tas-Saħħa kkonferma li jeżistu konċessjonijiet għall-parkeġġ għal min iżur l-isptar ta’ spiss.

Spjega kif meta saret il-migrazzjoni mill-Isptar San Luqa għall-Isptar Mater Dei, il-Ministru tas-Saħħa kien iddeċieda li jiġi offrut parkeġġ b’xejn lill-ġenituri ta’ tfal morda bil-kanċer li jkunu f’Rainbow Ward, kif ukoll lill-pazjenti li jridu jagħmlu d-dijaliżi tliet darbiet fil-ġimgħa għall-bqija ta’ ħajjithom fir-Renal Unit.

Il-Ministeru tas-Saħħa jgħid ukoll li jeżistu permessi ta’ parkeġġ għal tlett ijiem, ġimgħa jew xahar, li jiġu irħas milli kieku wieħed ikollu jħallas għal kull siegħa li jdum ipparkjat.

Il-parkeġġ tal-viżitaturi fl-Isptar Mater Dei, minbarra dak tar-Renal Unit, ta’ Rainbow Ward u tal-Emerġenza, huwa ta’ kuntrattur privat li jiġbor miżati mill-persuni li jużaw il-faċilitajiet tal-parkeġġ.

Ħalli l-kumment tiegħek hawn.