Jistgħu jkunu infettati u l-iscreening ma jimmarkax – WHO

AFP

L-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO) qalet li l-iscreening ma jindikax li xi ħadd għandu l-coronavirus jekk dan ikun għadu ma ħariġlux id-deni.

Għalhekk, filwaqt li t-thermal scanners huma effettivi biex jaqbdu min hu infettat b’dan il-virus, dwar dawk li jkun għadhom ma ħarġilhomx id-deni, mhu se jimmarka xejn. L-Organizzazzjoni spjegat li dan peress li nies infettati jdumu bejn jumejn u għaxart ijiem biex jimirdu u biex joħorġilhom id-deni.

Minn nhar is-Sibt li għadda, beda jsir screening fuq il-passiġġieri kollha li jaslu f’Malta. Dan permezz ta’ thermal screening cameras, tip ta’ screening għal massa ta’ nies li jgħaddu minn punt ta’ dħul. Kull persuna li tiġi identifikata li għandha d-deni se tiġi assessjata. Dan l-iscreening qed isir eżatt wara li l-uffiċjali tal-immigrazzjoni jipproċessaw il-passaporti ta’ kull min jasal Malta minn barra ż-żona Schengen.

Fl-Italja, l-iżjed pajjiż li fih infirex malajr il-coronavirus apparti ċ-Ċina, il-każijiet ta’ nies infettati issa qabżu l-400, filwaqt li 12-il persuna tilfu ħajjithom.