“Jistgħu jitilqu minn Malta jekk jieqfu jsalvaw in-nies”

Facebook- Sea-Eye

L-għaqda Sea-Eye se tkun tista’ toħroġ il-bastiment tagħha minn Malta jekk tieqaf issalva lin-nies skont Sophie Schyett mill-għaqda li ssalva lin-nies Sea-Watch.

Waqt konferenza tal-aħbarijiet li saret illum, Schyett qalet li l-għaqda Sea-Eye ppubblikat ittra li rċeviet mill-awtoritajiet Maltin. L-awtoritajiet qalu li jkunu jistgħu jitilqu biss jekk jagħmlu stqarrija li se jieqfu mill-ħidma tat-tfittxija u s-salvataġġ tagħhom. Schyett spejgat li din kienet kundizzjoni politika u mhux legali

Il-Partit tas-Soċjalisti u Demokratiċi (S&D) fi ħdan il-Parlament Ewropew qed jieħu sehem f’diskussjoni mal-Gvern Malti dwar is-sitwazzjoni tal-bastimenti ċivili tat-tfittxija u salvataġġ, skont il-Membru tal-Parlament Ewropew tal-S&D Diemtar Koster.

Koster qal dan waqt il-konferenza tal-aħbarijiet. Koster huwa parti minn delegazzjoni tal-S&D li tinsab Malta. Spjega li se jkunu qed jiltaqgħu mal-Ministru għall-Intern Michael Farrugia għada għal aktar diskussjoni. Żied jgħid li mhemmx raġuni legali għalfejn dawn il-bastimenti m’għandhomx jitħallew joħorġu minn Malta.

Koster irrikonoxxa l-isforz li qed jagħmel il-Gvern Malti, però qal li dan ma kienx biżżejjed biex ma jmutux aktar nies fl-ibħra. Qal li jispera li tinstab soluzzjoni li permezz tagħha s-Sea-Watch ikun jista’ joħroġ mill-port. L-MPE Koster iddeskriva l-mistoqsijiet legali li qamu bħala skuża biex tixxekkel “il-ħidma importanti” tal-għaqdiet.

Il-Kap tal-Missjoni tal-ajruplan żgħir Moonbird Tamino Boehm qal li għadu bla risposta wara li bagħat ittra ta’ protesta lill-Prim Ministru Joseph Muscat, lill-Ministru għat-Trasport Ian Borg, u lil Transport Malta 20 ġurnata ilu.

Għal aktar dettalji tista’ tidħol hawn.