Jistgħu jitilfu ħajjithom jekk ma jingħatax id-demm O-Positive

Persuni li kienu involuti f’xi inċident tat-traffiku jew ibatu minn xi kundizzjoni medika, jistgħu jitilfu l-battalja tagħhom mal-mewt, jekk tibqa’ tonqos il-provvista tad-demm.
Is-servizz Nazzjonali tat-Trasfużjoni tad-Demm qal li l-aħħar jiem kienu kkaratterizzati minn sensiela ta’ inċidenti, uħud minnhom gravi, fejn intilef ħafna demm u b’riskju kbir ta’ telf ta’ ħajjiet.
Jappella għal ħafna aktar prudenza speċjalment waqt is-sewqa, biex jiġu evitati inċidenti li spiss qed iħarbtu r-riserva tad-demm li preżentament mhix dik mixtieqa. B’mod partikolari hemm bżonn tad-demm tal-grupp O-Positive.
Minbarra fiċ-Ċentru tal-Għoti tad-Demm fi Gwardamangia li jiftaħ kuljum, wieħed jista’ jagħti d-demm:

  • Nhar il-Ħadd li ġej ħdejn iċ-Ċentru Pastorali San Luqa tan-Nigret, ir-Rabat, mit-8.30am sas-1pm.
  • Nhar it-Tlieta 22 ta’ Lulju se jsir għoti tad-demm fid-Dipartiment tal-Outpatients fl-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex, bejn is-1pm u l-5pm.