Jistenna li l-LEAD tħalli r-riżultati fl-elezzjoni tal-PE u l-Kunsilli

Il-Prim Ministru, Joseph Muscat, qal li jrid jibda jara l-frott tal-inizjattiva LEAD fl-elezzjonijiet tal-Kunsilli Lokali u l-Parlament Ewropew.
Insista li ż-żgħażagħ għandhom jibqgħu fuq quddiem nett tar-riformi li jridu jsiru fil-pajjiż.
Huwa qal dan fil-Laqgħa Ġenerali Annwali tal-Forum Żgħażagħ Laburisti, meta  insista li ż-żgħażagħ għandhom jibqgħu fuq quddiem nett tar-riformi li jridu jsiru fil-pajjiż.
Fost l-oħrajn tkellem dwar ir-riformi taż-żwieġ indaqs u l-Vot 16, li qal li għalihom il-Forum Żgħażagħ Laburisti (FŻL) kien protagonist.
Filwaqt li rrimarka li l-FŻL irid dejjem jibqa’ pass jew tnejn ’il quddiem, żied li dan għandu jikkonvinċi kemm internament fil-Partit Laburista u anke esternament fis-soċjetà.
Muscat qal li fost ir-riformi li jmiss hemm ir-riforma fil-liġi tal-IVF fejn il-punt kruċjali għandu jkun l-ugwaljanza.
“Jekk aħna bħala pajjiż qed ngħidu li tnejn minn nies għandhom dritt jingħaqdu fiż-żwieġ. Għaliex ngħid intom it-tnejn ikollkom l-ulied u intom it-tnejn le?,” staqsa.
Għadda biex tkellem dwar ir-riforma fir-rappreżentanza tan-nisa fil-Parlament, meta qal bħal drabi oħra li d-diskors irid ikun dwar kif se ssir, u mhux jekk se ssir.
Tkellem ukoll dwar il-produzzjoni tal-kannabis mediċinali u l-cryptocurrency.
Intant, il-Forum Żgħażagħ Laburisti sellem b’minuta silenzju l-memorja ta’ Charles  Miceli li ssemma wkoll fid-diskors tal-Prim Ministru li għamel referenza għal diskussjonijiet li kien ikollhom flimkien u t-twemmin sod ta’ Miceli.