Awdjo: Jistaqsu x’sar mir-rapport dwar Ħondoq

Ir-residenti tal-Qala u mhux biss għadhom qed jistennew li l-Awtorità għall-Ambjent u l-Ippjanar tippublika r-rapport dwar il-proġett ta’ Ħondoq ir-Rummien. 
Kif qed ikun imbassar, ix-xniegħat huma li r-rapport, magħruf bħala DPAR, mistenni jasal għall-konklużjoni li l-proġett ta’ Ħondoq ma jistax isir u għalhekk tiġi rrifjutata t-talba tal-iżvilupp. 
Is-Segretarju tal-Moviment Ħarsien Ħondoq Paul Buttigieg qal ma’ Newsbook.com.mt li ġie mwiegħed personalment li r-rapport se jkun lest u ppubblikat sal-aħħar tas-sena li għaddiet. 
F’Novembru li għadda kelliem għal MEPA kien stqarr li r-rapport wasal fl-aħħar fażi tiegħu.  Xahrejn wara, ir-residenti tal-Qala għadhom ma ingħatawx raġuni għaliex għadu ma ġiex ippubblikat. 
Il-proġett jipproponi l-bini ta’ marina tal-jottijiet, lukanda u appartamenti. 
Il-proġett ta’ Ħondoq irċieva bosta kritika fosthom mingħand l-għaqdiet ambjentali, mid-Direttorat għall-Ħarsien tal-Ambjent fi ħdan il-MEPA stess, minn Transport Malta kif ukoll mill-Kummissjoni Ambjent fi ħdan il-Knisja.
F’April 2013, il-Kummissjoni Ambjent tkellmet kontra dan l-iżvilupp li fil-fehma tagħha “mhuwiex sostenibbli u diffiċli tiġġustifika li jirrappreżenta ġid akbar u kwalità ta’ ħajja aħjar għall-Għawdxin għal żmien twil”
Is-saga dwar il-futur tal-bajja ta’ Ħondoq, ilha għaddejja għal dawn l-aħħar 13-il sena. 
Fl-2002 kien sar referendum fost il-Qalin fejn 85% minnhom ivvutaw li l-bajja għandha tibqa’ tal-pubbliku u ma titmissx. 
Kienet ġiet ukoll iffirmata petizzjoni biex Ħondoq jerġa’ jiġi kklasifikat bħala Żona Barra l-Iżvilupp (ODZ).