​Jistaqsu jekk tneħħietx il-liċenzja ta’ Pilatus Bank

In-Netwerk tas-Soċjetà Ċivili (CSN) staqsa lill-Awtorità Maltija għas-Servizzi Finanzjarji (MFSA) jekk il-liċenzja ta' Pilatus Bank ġietx irtirata.
Fi stqarrija s-CSN qalet li hemm bżonn kjarifika dwar is-sitwazzjoni ta' Pilatus Bank.
L-attivisti staqsew:

  • Jekk l-MFSA tikkonfermax ir-rapporti li dehru fil-midja li beda l-proċess biex Pilatus Bank jagħlaq
  • Jekk ġiet irtirata l-liċenzja tal-bank, dan għalfejn sar?
  • Jekk seħħ dan kollu, għalfejn l-MFSA ma ħarġitx stqarrija fil-midja?

Pilatus Bank qiegħed fil-proċess li jibda jagħlaq skont id-Deputat Nazzjonalista Karol Aquilina.
Fuq Twitter, Aquilina qal li dokumenti li għandu juru dan. Qal li sid il-bank Ali Sadr Hashemi Nejad qed jaħrab filwaqt li se jkun qed iħalli r-reputazzjoni ta’ Malta f’biċċiet
Il-Membru tal-Parlament Ewropew David Casa qal li l-awtoritajiet mir-Renju Unit infurmawh li l-fergħa ta’ Pilatus Bank fir-Renju Unit ingħalqet. Iddeskriva l-bank bħala istituzzjoni li taħsel il-flus li m’għandhiex ikollha post f’Malta.