Jistaqsi lil Farrugia Portelli dwar l-assassinju ta’ Daphne u l-liċenzji tal-Freeport

julia farrugia portelli
Facebook / Julia Farrugia Portelli

Read in English.

Il-Ministru Julia Farrugia Portelli ġiet mistoqsija fil-Parlament dwar il-ħruġ tal-liċenzji fil-Port Ħieles wara li qamet kwistjoni dwarhom b’rabta mal-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia. Il-mistoqsija saret minn Ivan Bartolo.

F’Jannar ġie żvelat il-kontenut tal-ittra li allegatament kellha tgħin lin-negozjant Yorgen Fenech iwaħħal fi Chris Cardona, biex Cardona, dakinhar Ministru, jinstab ħati li ordna l-assassinju tal-ġurnalista investigattiva. Is-sit Lovin Malta kien qaleb l-ittra mill-Malti għall-Ingliż. 

L-MP tal-PN Ivan Bartolo staqsa lil Julia Farrugia Portelli dwar dan permezz ta’ mistoqsija parlamentari.

“Peress li fil-kumpilazzjoni tal-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia ngħad li l-individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament ried liċenzja tal-Freeport, tista’ l-Ministru tgħid kif jinħarġu l-liċenzji tal-Freeport?” staqsa Bartolo.

Il-Ministru għat-Turiżmu qalet li l-persuna msemmija “qatt ma applikat sabiex tinħariġlu liċenzja biex jopera mill-Freeport”.

Qalet li biex wieħed jibda jaħdem mill-Port Ħieles trid issir applikazzjoni li tiġi vvetjata mill-Bord tad-Diretturi tal-Korporazzjoni tal-Port Ħieles u tintbagħat lid-Direttur Ġenerali tad-Dwana għall-iskrutinju.

“Meta ż-żewġ partijiet jaqblu li tista’ tingħata l-liċenzja, toħroġ l-approvazzjoni tal-Ministru tal-Finanzi u l-liċenzja min-naħa tal-Korporazzjoni.”

Fi kliem Farrugia Portelli, kull moviment li jsir jiġi rrekordjat fuq formoli apposta u ċċekkjat fiżikament mis-Security Controllers. L-inventarji jiġu mqabbla mal-merkanzija li tkun maħżuna permezz ta’ spot checks li jsiru regolarment.

Il-Ministru qalet li mill-2013 ‘l hawn ħarġet liċenzja fl-2014 u oħra fl-2017.

F’mistoqsija separata, Bartolo staqsa lil Farrugia Portelli dwar kemm daħlu nies jaħdmu fil-Malta Freeport Corporation mill-2014 ‘l hawn.

Farrugia Portelli qalet li daħlu 66 persuna f’dan il-perjodu. Persuna minnhom kienet appuntata politikament (politically appointed) filwaqt li ħamsa oħra kienu persons of trust. Żiedet tgħid li dawn tal-aħħar m’għadhomx impjegati mal-Korporazzjoni.