Jista’ jsir ferm aktar għas-sigurtà taċ-ċittadini tal-Mozambique

L-Isqof ta' Maputo jikkritika l-Gvern għan-nuqqas ta'sigurtà fil-Mozambique

L-Isqfijiet tal-Mozambique isostnu li seta’ u għad jista’ jsir ħafna aktar biex iċ-ċittadini ta’ dan il-pajjiż ikunu jistgħu jgħixu f’aktar sigurta’ u jkun hemm aktar koeżjoni fil-pajjiż hekk kif qed jersqu ġmielhom l-elezzjonijiet ġenerali li hu ppjanat li jsiru f’Ottubru tas-sena d-dieħla.

F’intervista mal-aġenzija Vatican News, l-Arċisqof ta’ Maputo, Mons. Francisco Chimoio tkellem dwar it-tħassib tiegħu għal avvenimenti li seħħew taħt il-Gvern preżenti mmexxi mill-President Filipe Jacinto Nyusi.

L-Arċisqof qal li t-tensjoni politiko-militari li bdiet fl-2015 li ħakmet iċ-ċentru u t-tramuntana tal-pajjiż bejn il-Frelimo li hu l-partit fil-Gvern u r-Renamo li hu l-akbar partit fl-Oppożizzjoni, ma kenitx iffaċċjata b’mod tajjeb u komprensiv.

L-attakki terroristiċi riċenti fil-provinċja ta’ Cabo Delgado li l-ewwel kellhom fil-mira tagħhom lill-pulizija, imbagħad il-bażijiet militari u finalment lill-popolazzjoni, huma tebgħa sewda fuq il-gvern preżenti.

L-Arċisqof ikkritika l-fatt li l-awtoritajiet tal-Mozambique, s’issa ma rnexxielhomx iwaqqfu din il-mewġa ta’ attakki terroristiċi li minn Ottubru tas-sena l-oħra l-hawn diġa’ ħasdu l-ħajja ta’ 100 persuna.

Il-Kap Reliġjuż ta’ Maputo jidher li issa tefa’ għajnejh fuq l-elezzjonijiet presidenzjali u parlamentari li huma ppjanati li jsiru tard is-sena d-dieħla.  Hu wera t-tama li l-Gvern li joħroġ minn dawk l-elezzjonijiet, b’mod b’saħħtu u urġenti jsolvi l-problemi tas-sigurtà fil-pajjiż. B’hekk biss iċ-ċittadini jkollhom triq li twassal għall-paċi, tama u prosperità.