Jista’ jkun li l-armi kimiċi fis-Sirja qed isiru b’apparat mill-Korea ta’ Fuq

Esperti tan-Nazzjonijiet Magħquda ġew ikkwotati mill-midja Amerikana, jgħidu li l-Korea ta’ Fuq jista’ jkun qed tibgħat apparat lis-Sirja, li mbagħad din min-naħa tagħha qed tużah biex timmanifattura l-armi kimiċi.
Ir-rapport jgħid li l-apparat ivarja minn ġagagi sa valvijiet, pajpijiet u termometri li jifilħu għall-aċtu.
Dan ir-rapport tal-UN għadu ma ġiex ippubblikat, iżda skont in-New York Times, speċjalisti tal-missili mill-Korea ta’ Fuq dehru f’postijiet fis-Sorja fejn hu maħsub li qed isiru dawn l-armi.
Dawn l-allegazzjonijiet ħarġu fid-dawl ta’ aktar rapporti li fis-Sorja qed jintużaw armi simili, fosthom gass tal-kloru mill-forzi Sirjani. Il-Gvern ta’ Bashar al-Assad dejjem ċaħad dawn l-akkużi.
Sadanittant, il-Korea ta’ Fuq bħalissa qed taffaċċja sanzjonijiet ġodda minħabba l-programmi nukleari tagħha.
Skont il-ġurnal ta’ Wall Street, ħames bastimenti waslu fis-Sirja fl-2016 u kmieni fl-2017 bis-saħħa ta’ kumpanija Ċiniża, u allegatament kien hemm aktar bastimenti bħal dawn fuq medda ta’ snin.
Qed jingħad li ċ-Ċentru tal-Istudji9 Xjentifiċi u r-Riċerka fis-Sirja (SSRC), li hu entità tal-Gvern, kien qed iħallas lill-Korea ta’ Fuq għal dawn il-materjali bis-saħħa ta’ għadd ta’ kumpaniji li kienu hemm biss għall-isem.
Sadanittant, kelliema għan-Nazzjonijiet Magħquda, Stéphane Dujarric, ma kkonfermatx jekk dan ir-rapport li spiċċa għand il-midja hux se jiġi ppubblikat jew le, iżda rrimarkat li t-tagħlima li toħroġ minn dan kollu hu li kull membru tal-UN irid joqgħod għas-sanzjonijiet li jitpoġġew fuqu.
Il-Gvern Sirjan wieġeb billi qal lill-UN li l-uniċi Koreani ta’ Fuq li jinsabu fis-Sirja huma atleti u l-kowċijiet tagħhom.
L-istess gvern sippost kien iffirma għall-Konvenzjoni dwar l-Armi Kimiċi lura fl-2013, wara li attakk bis-sarin kien qatel mijiet f’Ghouta.