“Jista’ jkun li Delia ma nftihemx sew”

Skont Mons. Alfred Vella l-Kap tal-Kummissjoni Emigranti jista’ jkun li d-diskors tal-Kap tal-Partit Nazzjonalista Dr Adrian Delia ta’ nhar il-Ħadd li għadda, ma nftiehemx sew. Mill-banda l-oħra Erica Schembri, mill-Moviment Graffitti qalet ma’ Newsbook.com.mt li Delia kien pjuttost ċar u qieset id-diskors tiegħu bħala attakk fuq persuni li huma vulnerabbli. Neil Falzon mill-Fondazzjoni aditus qalilna li mit-22 NGO li ħarġu stqarrija jikkritikaw lil Kap tal-PN kien hemm min sema’ d-diskors tiegħu waqt li oħrajn qagħdu fuq ir-rapporti li dehru fil-midja.

Newsbook.com.mt tkellem ma’ dawn ir-rappreżentanti ta’ tliet NGOs wara li 22 għaqda ħarġu stqarrija bi kritika għal dak li qal il-Kap tal-Partit Nazzjonalista il-Ħadd. Huma qalu li d-diskors ta’ Delia m’għandux post f’Malta u li l-Kap tal-Oppożizzjoni huwa “ħerqan” biex jieħu vantaġġ mis-sentiment populista.

Il-Partit Nazzjonalista ċaħad bil-qawwa dak li qed jgħidu t-22 għaqda u qal li d-diskors ta’ Adrian Delia kien dwar in-nuqqas ta’ pjan tal-Gvern dwar l-immigrazzjoni lejn Malta u li ma kien bl-ebda mod infjammatorju.

“Ridna niċċaraw”

Mons. Alfred Vella mill-Kummissjoni Emigranti qal li mhux hu waħdu wasal għall-konklużjonijiet li ġew imsemmija fl-istqarrija konġunta tat-22 għaqda mhux governattiva. Huwa saħaq li kollha flimkien waslu għal dawk il-konklużjonijiet. Meta mistoqsi x’dehrlu mid-diskors qal li jista’ jkun li kliem Delia jista’ jiġi miftiehem mhux sew u saħaq li l-iskop tagħhom kien li jiċċarraw dak li ntqal. Huwa sostna li hemm nuqqas ta’ ċarezza.

“Qed ibeżżgħu lill-Maltin”

Il-kelliema tal-Moviment Graffitti Erica Schembri qalet li huma segwew lill-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia l-Ħadd li għadda. Ma’ Newsbook.com.mt Schembri saħqet li Delia kien pjuttost ċar f’li qal u saħqet li fl-istqarrija l-PN ipprova jgħatti xi affarijiet li ntqalu. Hi qalet li laqtitha kif skontha poġġha lill-Maltin kontra l-barrani. Iddeskriviet dan bħala attakk fuq persuni li huma vulnerabbli li qed jiġu sfruttati mis-sistema ekonomika. Żiedet tgħid li qed ibeżżgħu lill-Maltin li se jkunu qed jitilfu l-identità tagħhom.

Semmiet kif xahar ilu fuq l-istazzjon tal-Partit Nazzjonalista, Delia kien tkellem dwar in-nies tal-Marsa u saħqet li minflok nissimpatizzaw magħhom qed jingħad li l-Marsin kollha huma mbeżżgħa mill-barranin.

“Hemm min qara u hemm min sema’”

Neil Falzon mill-Fondazzjoni aditus qalilna li mid-diversi għaqdiet kien hemm min sema’ d-diskors u oħrajn li qraw ir-rapporti li dehru fil-midja. Fi kliemu r-rapporti li dehru l-Ħadd la ġew kjarifikati mill-Partit Nazzjonalista jew Delia innifsu wisq inqas miċħuda. Hu saħaq li kemm dawk li semgħuh jew qraw dwar x’qal qablu fuq ir-reazzjoni li nħarġet fl-istqarrija.