Jista’ jkun deħlin fl-aktar fażi perikoluża – espert

people-wearing-face-masks-valletta
Ritratt: Miguela Xuereb

Il-Professur tal-Matematika Josef Lauri t-Tlieta qal lil Newsbook.com.mt li “jista’ jkun li deħlin fl-aktar fażi perikoluża tal-pandemija.”

L-akkademiku ilu xhur jistudja l-andament tal-pandemija u juża mudelli matematiċi xjentifiċi biex jagħti lill-qarrejja ta’ Newsbook.com.mt indikazzjoni ta’ kif jista’ jikber l-għadd tal-persuni infettati.

Il-kummenti ta’ Prof. Lauri tal-bieraħ saru qabel ir-rapporti li qed jiċċirkolaw dalgħodu fejn qed jingħad li l-Erbgħa se jitħabbru ċifri akbar milli kien hemm f’dawn l-aħħar ġranet. Iċ-ċifri li qed jissemmew kollha jaqbżu l-mitejn, uħud b’ħafna. Newsbook.com.mt se jistenna l-istqarrija uffiċjali qabel iħabbar xi ċifri.

Għaliex jaħseb hekk l-espert?

Prof. Lauri nnota li fl-aħħar jiem iċ-ċifri kienu qed jiżdiedu bil-mod iżda żied jgħid li għadu mhux magħruf pubblikament jekk din iż-żieda hijiex minħabba l-varjant jew għax in-nies qagħdu ħafna anqas kawti fil-festini tal-Milied u għax jista’ jkun li qed jieħdu anqas prekawzjonijiet għax issa jafu li wasal il-vaċċin.

Lauri qal li jidher li l-proċess tal-għoti tal-vaċċin qed jieħu fit-tul “waqt li wieħed jammetti li hemm problemi loġistiċi li mhux faċli jissolvew.”

Huwa semma li jista’ jiġri, kif probabbilment qed jiġri f’pajjiżi oħra, li l-intervall bejn l-għoti tal-ewwel doża u l-għoti tat-tieni doża jittawwal għal aktar mill-ġimagħtejn oriġinarjament stipulati tul iż-żmien li fih ġie ppruvat il-vaċċin.

“Huwa meħtieġ li l-esperti jassigurawna li jekk jiġri hekk, l-effikaċja tal-vaċċin ma titnaqqasx sostanzjalment u li dan ma jwassalx biex ikollna aktar każijiet ta’ tixrid li ma nkunux nafu minn fejn ġew. Ikun agħar jekk jiġri li dan id-dewmien jagħti lill-virus l-opportunità li jinbidel biex jibda jirreżisti l-vaċċin,” temm jgħid il-Prof Lauri.

Prof. Lauri fuq it-tilqima
Kif jafu li t-tilqima hija effettiva?

Taħseb li se jiżdiedu l-każijiet fil-jiem li ġejjin?

Ikkummenta hawn taħt jew ibagħtilna fuq info@newsbook.com.mt