Jista’ jkolli sintomi imma għax inkun fil-bidu t-test joħroġ negattiv?

swabbing center

Read in English.

Dr Tanya Melillo, Konsulent tal-Mediċina Pubblika fit-Taqsima tal-Mard Infettiv qalet li normalment meta wieħed jagħmel it-test bl-iswab, ir-riżultat konklussiv ikun dak li joħroġ  – jew negattiv jew pożittiv. Madanakollu spjegat li hemm ċans li persuna tkun għamlet it-test kmieni ħafna u s-swab ma jaqbdux. Iċċarat li rari kien hemm każijiet li qalbu għall-agħar u reġgħu marru għat-test u ħarġu pożittiv.

Waqt Newsbook Q&A, Dr Melillo sostniet li min iħoss is-sintomi tal-coronavirus għandu jċempel mill-ewwel fuq 111.  Filwaqt li qalet li wieħed m’hemmx għalfejn jibża’, appellat li wara t-test hu mħeġġeġ li jmur lura d-dar u mhux għax-xogħol, sakemm jirċievi r-riżultat. “Ejjew ma nkunux egoisti”, saħqet Melillo.

In-numru ta’ testijiet li jissemmew kuljum, jinkludu swabs fuq pazjenti li jkunu diġà infettati?

Dr Tanya Melillo saħqet li n-numru ta’ swabs li tagħti s-Supretendent għas-Saħħa Pubblika, Prof. Charmaine Gauci, ikunu jinkludu kemm il-pożittivi kif ukoll in-negattivi. In-numru totali jkun ta’ kemm nies marru għat-test. Spjegat li wara ftit ġimgħat jerġgħu jagħmlu l-istess test lil dawk li jkunu rriżultaw pożittivi għall-virus.

Li wieħed jirremetti huwa sintomu tal-coronavirus?

Melillo qalet li r-remettar mhux sintomu tal-coronavirus. Semmiet diversi sintomi li jinkludu nuqqas ta’ xamm u togħma, uġigħ ta’ ras, qtugħ ta’ nifs, sogħla u dijarea.

Għandi nagħmel swab jekk inħoss griżmejja juġgħuni, daqqa iwa u daqqa le, u nkun ili hekk xi erbat ijiem?

Jekk tkun ilek erbat ijiem, iva għandek tmur tiċċekkja.

Kemm idum biex joħroġ ir-riżultat tal-iswab? U kemm idumu biex isejħulek meta ċċempel 111?

Ir-riżultat jista’ joħroġ f’temp ta’ 24 siegħa. Wieħed irid jikkunsidra l-proċess kollu. It-testijiet jitpoġġew fi gruppi u jinġabru minn Ħal Farruġ, Pembroke u Għawdex imbagħad jiġu analizzati. Hemm ċertu ħinijiet meta jsiru t-testijiet. Ma jfissirx li għax mort kmieni filgħodu, allura se jkollok riżultat siegħa wara. Min joħroġ pożittiv jerġa’ jiġi ttestjat biex ikunu ċerti.

Għandek bżonn l-għajnuna? Ara fuq liema numri tista’ ċċempel

  • 111 – Għal dawk li jħossu sintomi tal-COVID-19 jew jixtiequ iktar informazzjoni
  • 21411 411 – Għal dawk fi kwarantina mandatorja li għandhom bżonn provvista ta’ ikel u mediċinali
  • 2294 4511/2294 4504 – Biex tirrapporta lill-pulizija każi ta’ ksur tar-regolamenti dwar saħħa pubblika u l-Covid-19
  • 1772 – Għal dawk li jħossuhom waħedhom
  • 1575 – Għall-ħaddiema biex jistaqsu dwar pagi u kundizzjonijiet ta’ xogħol
  • 1576 – Għal min iħaddem biex jistaqsu dwar pagi u kundizzjonijiet ta’ xogħol
  • 153 – Għal dawk li jridu tagħrif dwar il-miżuri fil-pakkett finanzjarju li qed jiġu amministrati mid-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali
  • 144 – Għal dawk li jridu tagħrif dwar il-miżuri fil-pakkett finanzjarju li qed jiġu amministrati mill-Malta Enterprise
  • 2204 2200 – Għar-residenti Maltin li nqabdu f’pajjiż ieħor u jridu jiġu lura Malta
  • 2598 1000 – Għal dawk li għandhom domandi dwar is-settur edukattiv
  • 2169 2447– Għal lukandiera u turisti li għandhom domandi dwar il-miżuri mħabbra
  • 2590 3030 – Għall-anzjani mingħajr sapport li għandhom bżonn mediċini, ikliet lesti jew prodotti tal-ikel (frott u ħaxix)
  • 2546 9111 – Għal dawk li jaħdmu fl-industrija tal-gaming

Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet dwar il-coronavirus f’Malta, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn