Jissospendulu l-liċenzja għax saq xurban

Il-Qorti ppreseduta mill-Maġistrat Ian Farrugia sabet lil raġel ta’ 39 sena minn Birżebbuġa ħati li kkawża ġrieħi gravi lil raġel ieħor wara li kien qed isuq b’mod eċċessiv. Huwq kien qed isuq taħt l-influwenza tal-alkoħol. Il-Qorti ordnat li r-raġel iħallas multa ta’ €2,000 u ssospendiet il-liċenzja għal tmien xhur. Huwa ġie ordnat li jħallas ukoll l-ispejjeż li saru mill-Qorti. Il-każ seħħ fit-8 ta’ Diċembru tal-2011.

Fil-Qorti ħareġ kif il-Pulizija ġiet infurmata li kien hemm kolliżjoni fi Triq il-Labour Ħaż-Żabbar għall-ħabta tas-2am kif ukoll li kien hemm persuna fil-periklu li titlef ħajjitha. Meta marru fuq il-post huma sabu karozza mdaħħla f’arblu tad-dawl u kien hemm bżonn l-assistenza tal-membri tal-Protezzjoni Ċivili sabiex ikun jista’ jinħareġ il-vittma.

Fi stqarrija li ta lill-pulizija l-imputat qal li kien fi triqtu lejn id-dar wara li kien tieġ mat-tfajla tiegħu. L-imputat ittieħed l-għassa ta’ Bormla fejn għamlulu l-breathalyzer u rriżulta li kien qed isuq taħt l-influwenza tal-alkoħol.

Il-vittma qal li huwa ra lill-akkużat mill-mera ġej b’veloċità qawwija u ddeċieda li jersaq mal-ġenb u jħalli lill-akkużat jgħaddi iżda minflok il-karozza tal-imputat tat daqqa minn wara lill-karozza tal-vittma bil-konsegwenza li daret u baqgħet dieħla ġo arblu. Kompla li wara dan l-inċident huwa spiċċa tilef l-impjieg tiegħu minħabba li ma setax jaħdem full time u tilef ukoll il-karozza tiegħu.

Min-naħa tagħha l-Qorti sabet lill-akkużat ħati u kkandannatu multa ta’ €2,000 u sospensjoni tal-liċenzja għal tmien xhur kif ukoll ordnat li jħallas l-ispejjeż tal-Qorti.