Jissospendi lilu nnifsu sakemm il-PN jikkonkludi l-investigazzjonijiet li talab hu

Aġġornat 09:07 PM
Jason Azzopardi
Miguela Xuereb

Read in English.

Id-Deputat Nazzjonalista Jason Azzopardi talab lill-Kummissjoni Etika tal-Partit Nazzjonalista tinvestigah u ssospenda ruħu sakemm tintemm din l-investigazzjoni.

Dan b’rabta ma’ storja li ħarġet fuq il-gazzetta Illum ilbieraħ li tgħid li fl-2017, Azzopardi aċċetta offerta ta’ George Fenech mit-Tumas Group li jħallaslu l-kont tal-lukanda f’Tel Aviv meta mar hemmhekk għal tieġ.

Ilbieraħ huwa kiteb lill-Kummissarju tal-Istandards fil-Ħajja Pubblika, Dr George Hyzler, biex jinvestiga dan il-każ.

Illum, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech iltaqa’ mad-Deputat Parlamentari Jason Azzopardi.

F’din il-laqgħa, l-Avukat Azzopardi informa lill-Kap tal-Partit Nazzjonalista bid-deċiżjoni tiegħu sabiex jitlob lill-Kummissjoni Etika, Dixxiplina u Media Soċjali tinvestigah. B’effett immedjat, Dr Azzopardi qabel li ghandu jissospendi ruħu mill-Grupp Parlamentari tal-Partit Nazzjonalista u mix-shadow cabinet, li fih jokkupa l-kariga ta’ Kelliem għall-Oppożizzjoni fuq il-Ġustizzja, sakemm tintemm din l-investigazzjoni.

Fi stqarrija aktar tard, it-Tnejn filgħaxija, il-Partit Laburista stqarr li l-Kap tal-PN Bernard Grech ma ħa l-ebda deċiżjoni għax qal li m’għandu l-ebda saħħa fuq Azzopardi. Żiedu jgħidu li Grech “wera kemm hu bla sinsla u li jitmexxa flok imexxi”.

Jason Azzopardi jgħid li mhux beżgħan

Jason Azzopardi qal li tgħallem mill-iżbalji u li ħadd mhu se jsikktu għaliex ħalef li se jkompli jiġġieled lill-kriminali li ħakmu pajjiż.

Fi stqarrija fuq Facebook, l-Avukat Azzopardi rringrazzja lil dawk kollha li bagħtulu jimlewh b’kuraġġ għall-pass li għamel.

Stqarr li għad isir magħruf għalfejn sar dan kollu u minn min.

Huwa għamel ukoll lista ta’ affarijiet li huwa m’għamilx imma skontu għamlu esponenti tal-Partit Laburista fosthom li qatt ma xaħħam, qatt ma inxtara, qatt ma qassam flus il-korruzzjoni, qatt ma organizz hold ups, qatt ma stedint id-dar lill-assassini li joqtlu b’kuntratt, qatt ma kellu kontijiet sigrieti, qatt ma kkonsma jew ittraffika droga u qatt ma organizza kuntrabandu ta’ miljuni ta’ sigaretti.

Huwa saħaq kemm-il darba li mhux beżgħan filwaqt li indirizza wkoll lil dak li sejjaħ bħala eks uffiċjal tal-Partit Laburista u eks Ministru Laburista li organizza ‘l hold up tal-2010 tal-HSBC.

“Għadkom ma tafuniex. Jien Pawlist. Nazzjonalist minn Rahal Gdid. Kburi,” temm jgħid Azzopardi.