Jissorprendi pajjiż u jibqa’ fejn hu

Wara li kulħadd kien qed jistenna li l-President taż-Żimbabwe jikkonferma r-riżenja tiegħu fuq it-televixin, Robert Mugabe ssorprenda lill-poplu meta ddikjara li għadu president tal-pajjiż Afrikan.
Ilbiraħtlula stess, it-tmexxija tal-partit li waqqaf hu stess, Zanu-PF, keċċietu minnu, u fil-pajjiż kien hemm bosta protesti biex Mugabe jirriżenja, saħansitra ċelebrazzjonijiet, hekk kif it-twemmin ġenerali kien li issa Mugabe se jgħid li mhux se jibqa’ president.
Madankollu, waqt diskors ta’ 20 minuta, Mugabe sostna li sax-xahar id-dieħel, meta jkun hemm il-kungress tal-partit li keċċieh, hu se jkun qed imexxih.
It-tibna li qasmet dahar il-ħmar kienet meta l-Erbgħa li għaddew, Mugabe ddeċieda li jkeċċi lill-Viċi-President taż-Żimbabwe, Emmerson Mnangagwa, apparentament biex flok jilħaq hu, tilħaq mart Mugabe.
Dan irrabja lin-nies, u anki l-armata rribellat kontra l-president, tant li kien qed jinżamm arrestat f’daru.
Sadanittant, waqt id-diskors Mugabe qal li jifhem it-tħassib tal-poplu u anki tal-armata, li żammitu msakkar f’daru.
Zanu-PF qal li jekk Mugabe ma jirriżenjax sal-11am ta’ dalgħodu, jakkużah bi krimini kontra l-istat.
Robert Mugabe għandu 93 sena, u ilu president taż-Żimbabwe sa mill-1980 meta l-pajjiż kiseb l-indipendenza mir-Renju Unit.