Jissolvew 8 serqiet wara rejd

Instabu oġġetti misruqa minn tmien serqiet differenti wara rejd li sar mill-Pulizija.

Fil-Qorti llum nstema’ kif erba’ persuni inżammu arrestati wara li ġew akkużati li pparteċipaw f’żewġ serqiet. Dawn l-erba’ persuni mill-Georgia kienu parti minn grupp akbar li ġie arrestat. Huma għandhom 37, 40, 41, u 58 sena. Dawn bagħtu eluf ta’ Ewro barra minn Malta waqt il-ftit xhur li kien ilhom fil-pajjiż. Ġew akkużati wkoll li kienu fil-pussess ta’ oġġetti misruqa.

Tnejn mill-irġiet ġew akkużati separatament li serqu madwar €2,000 f’ġojjellerija minn dar f’Ħal Balzan fid-29 ta’ Awwissu. Instab li l-ħalliel kien uża vettura tal-kiri dakinhar li għenet lill-Pulizija biex issib min kien. Wieħed mit-tnejn ġie akkużat ukoll li seraq apparat elettroniku u ġojjellerija minn San Pawl il-Baħar.

L-arrest tal-grupp ta’ madwar 11-il persuna sar waqt rejd fuq appartament f’Buġibba wara investigazzjoni li saret mill-Pulizija. Waqt ir-rejd instabu oġġetti li kienu nsterqu waqt numru ta’ serqiet differenti.

L-akkużati wieġbu mhux ħatja għall-akkużi miġjuba kontrihom u talbu għall-ħelsien mill-arrest. Madanakollu, din it-talba ġiet miċħuda.