Jissoktaw il-preparamenti għall-Airshow li se ssir f’Settembru

Wara li kienu ġew sospiżi l-preparamenti għall-Malta International Airshow ta’ din is-sena, illum is-Soċjetà Maltija tal-Avjazzjoni (MAS) ħabbret li l-wirja se ssir fit-23 u l-24 ta’ Settembru.
Il-wirja statika se ssir f’Ħal Luqa filwaqt li l-wirja tal-ajru se terġa’ ssir fuq SmartCity Malta kmieni filgħaxija. 
F’Jannar li għadda, is-Soċjetà Maltija tal-Avjazzjoni kienet ħabbret li qed tissospendi l-preparamenti għall-Airshow sakemm il-Ministeru għat-Turiżmu jħallas is-somma li kien wiegħed bħala kumpens għat-telf finanzjarju li ġabet magħha d-deċiżjoni li l-wirja tal-ajru issir f’post ħdejn il-baħar u tkun mingħajr ħlas.
Fi stqarrija ntqal kif laqgħat bejn is-Soċjetà Maltija tal-Avjazzjoni u l-Ministru għat-Turiżmu Edward Zammit Lewis, kellhom eżitu pożittiv u għalhekk se jissoktaw il-preparamenti għall-25 edizzjoni tal-wirja.

Ritratt ta' Ian Noel Pace meħud waqt il-wirja ta' sentejn ilu