Ikompli l-kampjonat tal-muturi Trials

Nhar il-Ħadd li ġej l-Assoċjazzjoni Sport Muturi u Karozzi tkompli bil-kampjonati ASMK Pasta Poiatti 2015/2016 fil-kumpless Sportiv f’Ta’ Qali.
Il-programm li jibda fil-11:00am se jkun jikkonsisti fis-sitt tellieqa tal-istaġun fl-Autocross u t-tielet waħda fil-Motocross.
Intant il-Ħadd li għadda l-ASMK kompliet l-attivitajiet tagħha bis-sezzjoni muturi Trials fil-Kumpless Sportiv ta’ Ta’Qali.
Fi Klassi A, Rowen Bonello fuq mutur Beta beda tajjeb ħafna tant li l-ewwel sezzjoni għamilha clean, fit-tieni sezzjoni mbagħad daħal fl-azzjoni Damon Bonello fuq mutur Gas Gas fejn minn hemm 'il quddiem dan tal-aħħar iddomina sakemm rebaħ din il-klassi bi 3 punti ta' penalità segwit minn Rowen Bonello li spiċċa l-ġurnata b’40 punt ta' penalità.
Fit-tielet post spiċċa Joseph Scicluna fuq mutur Gas Gas b’56 punt ta' penalità.
Fi Klassi B, Bernard Sammut fuq mutur Beta rnexxielu jirbaħ bi 48 punt ta' penalità. Huwa kien segwit 
minn Ian Scicluna fuq mutur Beta li spiċċa l-ġurnata b’55 punt ta' penalità u minn Manuel Camilleri fuq mutur Gas Gas fit-tielet post bi 62 punt ta' penalità.
Ritratt: Mario Micalllef