Aġġornata (2): Jiddaħħlu Malta 271 immigrant

Read in English.

Il-Forzi Armati ta’ Malta llum daħħlu 271 immigrant f’ħidmiet separati.

L-aħbar oriġinarjament kienet li se jiddaħħlu 63 immigrant dalgħodu u dawn bdew jitniżżlu Malta għall-ħabta tat-8.20am. Dak il-ħin, kelliema għall-AFM ikkonfermat ma’ Newsbook.com.mt li minkejja l-istqarrija inizjali tal-AFM, kien jidher li hemm iżjed minn 63 immigranti li kienu deħlin Malta. Fi stqarrija dalgħodu, il-Forzi Armati spjegaw li l-immigranti kienu f’sitwazzjoni prekarja fuq dgħajsa fir-reġjun Malti għas-salvataġġ. Huma ġew salvati minn bastiment tal-AFM.

Imbagħad kien hemm dgħajsa ta’ 208 immigranti li wkoll ġiet salvata, iżda l-immigranti tqassmu bejn żewġ bastimenti tal-AFM u ddaħħlu separatament, grupp ta’ 61 u ieħor ta’ 147.

Għadu mhux magħruf kemm kien hemm nisa u tfal abbord, u jekk hemmx xi ħadd li jeħtieġ attenzjoni medika.