Jissaħħu x-xnigħat li Ray Zammit jista’ jinħatar Kummissarju tal-Pulizija

Qed jissaħħu x-xnigħat li l-Assistent Kummissarju Ray Zammit mistenni jsir il-Kummissarju l-ġdid tal-Korp tal-Pulizija u b'hekk jieħu post Peter Paul Zammit. 
Sorsi qrib Kastilja li tkellmu ma' Newsbook.com.mt ikkonfermaw li l-ġimgħa li għaddiet, il-Kummissarju deher dieħel Kastilja u mhux eskluż li ġiet diskussa l-kariga tiegħu fi ħdan il-Korp. 
L-istess sorsi qalu li apparti l-Kummissarju, Ray Zammit ukoll deher dieħel Kastilja fil-jiem li għaddew.   
Mistoqsi minn Newsbook.com.mt jekk tkellimx mal-Prim Ministru u l-Ministru Mallia dwar il-possibilità li jinħatar Kummissarju, Ray Zammit ċaħad u qal li dan “m’hu minnu xejn.”
Newsbook.com.mt staqsa lill-Assistent Kummissarju jekk hux lest jaċċetta din il-kariga jekk jiġi offrut din l-opportunità.
Hawnhekk Ray Zammit qal li ma jistax iwieġeb “għax qiegħed f’laqgħa”.
Wara li fil-midja ġie rrappurtat kif Peter Paul Zammit jista' jitneħħa minn Kummissarju tal-Pulizija, Newsbook.com.mt kien tkellem mal-Kummissarju li minn naħa tiegħu ċaħad dawn ix-xnigħat
Sorsi fi ħdan il-Korp tal-Pulizija li tkellmu ma' Newsbook.com.mt qalu li isem Ray Zammit ilu jidwi fid-Depot għall-kariga ta' Kummissarju, saħansitra minn qabel l-elezzjoni ġenerali.