Jissagrifika saqajh għal tifel ħafi

Ritratti li bdew iduru fuq il-midja soċjali fl-aħħar jiem juru immigrant li ltaqa’ ma’ tifel ħafi fuq tramm fit-Turkija u ddeċieda li jtih iż-żarbun tiegħu.
L-immigrant, Muhammad al-Samaraie huwa mill-Iraq u għandu 21 sena.
Iż-żagħżugħ kien qed jivjaġġa bit-tramm mill-Belt ta’ Black Sea f’Samsun meta ltaqa’ ma’ tifel żgħir, li qed jingħad li kien refuġjat Sirjan, ħafi.
Filwaqt li skanta kif ħadd mill-passiġġieri l-oħra ma offra li jgħin lit-tifel, dlonk neħħa ż-żarbun minn saqajh, tah lit-tifel, u ħareġ mit-tramm, liebes biss il-kalzetti minkejja li barra kienet nieżla ħafna xita.
Ma’ ġurnal barrani, Al-Samaraie qal li jekk jerġa’ jara tifel ieħor bla żarbun lest li jagħmel l-istess ħaġa. Min-naħa l-oħra, jidher li l-kumpanija li timmaniġġja t-tramm qed tfittex lit-tifel biex toffrilu l-għajnuna.
Al-Samaraie, li jaħdem f’ħanut tal-għamara, emigra t-Turkija erba’ snin ilu, flimkien mal-ġenituri tiegħu mill-Iraq.
Hu spjega li għall-bidu t-tifel ma riedx jieħu ż-żarbun għax beda jinkwieta għal Al-Samaraie, iżda spjegalu li ma kienx joqgħod ’il bogħod u għalhekk seta’ jasal id-dar malajr.