Jisraq oġġetti tad-deheb u arloġġ antik minn dar f’Għawdex

Raġel ta' 55 sena minn Tas-Sliema tressaq taħt arrest fil-Qorti ta' Għawdex, akkużat b'serq minn residenza fir-Rabat Għawdex.
Glen Debattista kien akkużat li fl-14 ta' Settembru li għadda, għall-ħabta tas-7.30pm seraq minn dar fi Triq Għajn Qatet. Fost l-oħrajn seraq diversi oġġetti tad-deheb, arloġġ antik b'valur ta' madwar €5,000, wara li sgassa l-bieb b'turnavit.
Barra minn hekk kien akkużat ukoll li kiser il-kundizzjonijiet ta' ħelsien mill-arrest imposti fuqu mill-Qorti f'Malta, li kiser ordni ta' probation u li sar reċediv b'sentenza li ngħata mil-Qorti ta' Għawdex. 
L-imputat wieġeb ħati tal-akkużi miġjuba fil-konfront tiegħu u ġie kkundannat sena u nofs priġunerija.
Il-prosekuzzjoni f'dan il-każ tmexxiet mill-Ispettur Frank Anthony Tabone.