Jisraq minn residenza f’Ħal Balzan; jiġi deportat

Raġel li nstab ħati ta’ serqa minn residenza f’Ħal Balzan se jiġi deportat lura lejn il-Filippini bħala konsegwenza ta’ għemilu.

Amadeo Montilla Manalo tressaq il-Qorti akkużat li seraq oġġett li jiswa aktar minn €2300 minn residenza fi Triq San Valentin nhar l-14 ta’ Diċembru.

L-imputat wieġeb ħati tal-akkużi u wara li tatu ċ-ċans sabiex jibdel is-sentenza tiegħu kif stipulat mill-liġi, ir-raġel reġa’ assuma r-responsabbiltà tar-reat. Dan wassal lill-Qorti sabiex tiddikjara li m’għandhiex triq oħra ħlief li ssib lill-imputat ħati.

Ir-raġel ġie ordnat iħallas l-ispejjeż li għandhom x’jaqsmu mal-ħatra tal-esperti. Intant il-Qorti tat lill-imputat sentenza ta’ sentejn ħabs sospiżi għal erba’ snin.