Jisraq minn karozza fil-Ħamrun; 7 xhur ħabs

Żewġt irġiel ta’ nazzjonalità Sudaniża tressqu l-Qorti akkużati li serqu diversi oġġetti minn karozza pparkjata fil-Ħamrun.

Wieħed mill-irġiel li għandu 26 sena ammetta l-akkużi miġjuba kontrih u ġie kkundannat seba’ xhur ħabs. Ir-raġel l-ieħor li għandu 20 sena wieġeb mhux ħati u nżamm arrestat.

Fil-Qorti ħareġ kif il-każ seħħ fit-18 ta’ Jannar wara li sid il-karozza pparkjata ħallieha miftuħa. L-akkużati allegatament daħlu fil-karozza u serqu diversi oġġetti fosthom flus kontanti u mowbajl.

L-avukat tal-għajnuna legali tar-raġel li ammetta argumenta li l-Qorti għandha tikkonsidra l-fatt li r-raġel ammetta fl-istadju bikri tal-investigazzjoni. Min-naħa tagħha l-Qorti nnutat li r-raġel kien reċediv. Il-Qorti kkundannatu seba’ xhur ħabs kif ukoll li għandu jiġi deportat is-Sudan wara li jiskonta s-sentenza.

Min-naħa l-oħra, l-avukat tar-raġel li m’ammettiex l-akkużi talab għall-ħelsien mill-arrest, bil-Qorti tiċħad din it-talba fuq l-argument li r-raġel m’għandux karattru ta’ min jafdah u m’għandux indirizz fiss.