Jisraq minn ħanut tal-merċa; 3 snin ħabs

Raġel li ammetta għall-involviment tiegħu f’serqa armata minn ħanut f’Santa Venera x-xahar li għadda ngħata sentenza ta’ 3 snin ħabs wara li wieġeb ħati għall-akkużi fis-seduta tal-Qorti llum.

Ir-raġel ta’ 54 sena minn Birkirkara li ma jaħdimx kien it-tieni raġel mixli b’din is-serqa minn ħanut tal-merċa, wara li lbieraħ ammetta l-kompliċi tiegħu u l-Qorti qatgħetlu s-sentenza. 

L-akkużat wieġeb ħati għal waħda mis-serqiet li wettaq il-kompliċi tiegħu, għal dik li saret fil-5 ta’ Novembru, fejn l-irġiel żammew lil 2 nisa kontra r-rieda tagħhom billi heddewhom b’sikkina. Huwa ammetta wkoll li seraq xi flus u affarijiet oħra minn karozza pparkjata fin-Naxxar fit-2 ta’ Diċembru, u li għamel xi ħsara lill-karozzi.

Huwa ġie akkużat ukoll li kiser il-kundizzjonijiet tal-ħelsien mill-arrest, u li hu riċediv.

Il-Maġistrat Ian Farrugia ssuġġerixxa li r-raġel jingħata t-trattament li jeħtieġ wara li l-akkużat ammetta għall-vizzju tad-droga fil-Qorti.

Il-Qorti ordnat li l-ħelsien mill-arrest jiġi rrevokat, imma huwa għadu jrid iħallas il-garanzija personali ta’ €30,000. L-akkużat qed jidher f’każ separat dwar qtil ta’ xufier tat-taxis fl-2012.