Jisraq minn dar ta’ anzjana f’Ħal Qormi; jinħeles mill-arrest

Żagħżugħ li allegatament wettaq serqa vjolenti mingħand mara anzjana ngħata l-ħelsien mill-arrest.

Iż-żagħżugħ ta’ 27 sena wettaq din is-serqa nhar il-Ħadd li għadda fis-2.30pm fi Triq il-Mejjilla f’Ħal Qormi. Irnexxielu jisraq flus kontanti, ġiżirana u basket. Fid-dar kien hemm madwar erba’ persuni. Il-valur tal-oġġetti li seraq ma kienx iżjed minn €2,329.

Il-Libjan tressaq il-qorti lbieraħ akkużat b’serq aggravat, li weġġa’ kemxejn lil waħda mill-vittmi li għandha iżjed minn 60 sena, li kellu sikkina fuqu, li hedded lill-vittmi, u li għamel il-ħsara fuq propjetà ta’ terza persuna. Ġie akkużat ukoll li m’obdiex l-ordnijiet tal-pulizija u li wettaq dawn l-offiżi waqt li kien b’sentenza sospiża.

L-Ispettur Kylie Borg mill-Prosekuzzjoni qalet li waqt l-interrogazzjoni, huwa ma ppruvax jiċħad dak li għamel. Madankollu, fil-qorti huwa wieġeb mhux ħati. Jekk wettaq dan ir-reat, huwa kiser tliet digrieti ta’ ħelsien mill-arrest li ngħata mill-Qorti, b’depożitu ta’ €27,000 u garanziji personali ta’ €65,000.

Il-Qorti ħeġġet lir-raġel biex jikkopera mal-uffiċjal taż-żmien ta’ prova. Inħeles mill-arrest b’depożitu ta’ €500 u garanzija personali ta’ €4,000.