Jisraq mill-istess ħanut 3 darbiet; sentenza sospiża

Raġel ta’ 40 sena mir-Rumanija ammetta li seraq 3 darbiet mill-istess ħanut fil-Mellieħa matul ix-xahar ta’ Lulju. Fil-Qorti sar magħruf li kien hemm persuna oħra li kienet kompliċi u se tkun qed titressaq il-Qorti f’seduta separata.

Ir-Rumen kien diġà weħel sentenza oħra ta’ ħabs wara li nstab ħati li seraq. Ir-raġel kien ġie deportat. Quddiem il-Maġistrat Rachel Montebello huwa kien akkużat li hu reċediv madankollu l-ebda prova ta’ dan ma ġietx ippruvata fil-Qorti u għalhekk il-Maġistrat ma sabitux ħati ta’ din l-akkuża. Għall-akkuża li r-raġel rritorna Malta wara li kien deportat il-Qorti qalet li m’hemmx evidenza dwar dan u għalhekk din l-akkuża ma tistax tiġi pruvata.

Il-Maġistrat spjegat li minkejja li r-raġel ammetta l-akkużi miġjuba kontrih  huwa ma kkoperax mal-Pulizija kif ukoll li l-oġġetti misruqa ma ġewx irritornati kollha. Għalhekk il-Qorti sabrt lir-raġel ħati u ngħata 18-il xahar ħabs sospiżi għal sentjen kif ukoll ġie ordnat li jħallas €85 li jammonta għall-oġġetti misruqa li ma ġewx irritornati fi żmien sitt xhur.