Jisraq mid-djar 3 darbiet f’10 ijiem; jintbagħat il-ħabs

Żagħżugħ li kien jisraq mid-djar tal-ġirien tiegħu biex ikollu flus għad-drogi ngħata sentenza ta’ 6 xhur ħabs u ġie ordnat ifittex riabilitazzjoni.

Iż-żagħżugħ ta’ 26 sena minn Bormla ġie arrestat fil-5 ta’ Diċembru, akkużat bi 3 serqiet f’temp ta’ 10 ijiem minn residenzi viċin tiegħu. Kien akkużat ukoll li kiser il-kundizzjonijiet ta’ ħelsien mill-arrest.

Darba seraq rota u pittura ta’ valur għoli, u fl-aktar serqa riċenti fl-1 ta’ Diċembru, seraq tiżjin tad-dar.

Minkejja li għall-bidu wieġeb mhux ħati, meta l-każ kompla quddiem il-Maġistrat Joe Mifsud fit-18 ta’ Diċembru, l-akkużat wieġeb ħati.

Il-Maġistrat Joe Mifsud qal li ħaseb fit-tul fuq is-sentenza mistħoqqa għaż-żagħżugħ, u fakkar li l-kastig mill-Qorti ma jingħatax bi tpattija imma biex jipproteġi lis-soċjetà. Għaldaqstant, il-Qorti ħasset li l-ħati kellu jintbagħat il-ħabs, u dan kellu jservi ta’ bidu għalih biex isib it-triq it-tajba u jattendi programm ta’ riabilitazzjoni.

Huwa kien meħlus b’kundizzjonijiet fiż-żmien li wettaq ir-reati, inkluż b’garanzija personali ta’ €5,000. Il-Qorti kkundannatu għal 6 xhur ħabs u poġġietu taħt ordni ta’ trattament għal 3 snin.