Jisraq karta tal-kreditu; 8 xhur ħabs

Read in English.

Peruvjan ġie kkundannat tmien xhur ħabs wara li ammetta li uża l-karta tal-kreditu ta’ ħabiba tiegħu biex jibbukkja vaganza.

Huwa kien jgħix mal-mara f’ħostel. Fil-Qorti ħareġ kif ir-raġel ħa r-ritratti tal-karta tal-kreditu tal-vittma wara li din ħallietha tiġri fil-kamra. Huwa uża d-dettalji tal-karta tal-kreditu biex jibbukkja titjira u akkomodazzjoni online. L-ispettur li kien qed imexxi l-prosekuzzjoni qal li l-vittma għamlet rapport fis-27 ta’ Settembru.

Meta mistoqsi mill-Pulizija r-raġel qal li l-mara kienet l-eks sieħba tiegħu u għamlet dan biex tpattihielu wara li qabditu ma’ tfajla oħra. Madankollu mill-investigazzjoni tal-Pulizija rriżulta li din kienet kollha ġidba. L-Ispettur qal li meta ġie investigat il-mobile tal-akkużat instab li din mhux l-ewwel darba li għamilha f’pajjiżi oħra.

L-avvukat tad-difiża Fransina Abela talbet lill-Qorti biex l-akkużat jingħata sentenza sospiża u jiġi deportat. Madankolllu l-prosekuzzjoni oġġezzjonat għal dan u qalet li dan ir-reat iġorr miegħu sentenza ta’ bejn sitt xhur u erba’ snin priġunerija. Min-naħa tagħha l-Qorti ma qablitx mal-avukat tad-difiża madankollu kkunsidrat l-fatt li r-raġel ammetta l-akkużi fi stadju bikri tal-investigazzjoni.

Il-Qorti sabet lir-raġel ħati u kkundannatu għal tmien xhur ħabs u jħallas lura l-flus lill-mara. Il-Qorti qalet ukoll li r-raġel għandu jiġi deportat wara li jkun skontata s-sentenza tiegħu u jħallas il-flus.