Jisraq karozza għall-gost; jinżamm arrestat

Żagħżugħ inżamm arrestat hu u jistenna r-rapport ta’ qabel is-sentenza mis-Servizz tal-Prova wara li ammetta għall-involviment tiegħu fis-serq ta’ karozza minn Birkirkara.

Iż-żagħżugħ minn Birkirkara ta’ 21 sena, flimkien ma’ Żejtuni ta’ 22 sena, seraq karozza għall-gost u spiċċa ħabat biha.

L-Ispettur qed jakkuża liż-żewġ żgħażagħ b’attentat ta’ serq aggravat, peress li saqu l-karozza misruqa fil-pubbliku u kellhom skieken fil-pubbliku mingħajr liċenzja tal-pulizija.

Dak ta’ 21 sena huwa akkużat separatament li għamel il-ħsara lill-karozza, li saqha mingħajr ma kellu insurance, li saq b’mod perikoluż u ma waqafx isuq wara l-inċident tat-traffiku.

Barra minn hekk, huwa akkużat li wettaq dawn ir-reati waqt li kellu numru ta’ sentenzi sospiżi, li kiser ordni ta’ prova u li kien riċediv.

L-avukat tad-difiża talab li jkun hemm rapport ta’ qabel ma tingħata sentenza. Il-Maġistrat Donatella Frendo Dimech laqgħet din it-talba, u qalet li l-akkużat għandu jinżamm arrestat sakemm tinqata’ s-sentenza.

Iż-Żejtuni li kien kompliċi xehed ħati l-ġimgħa li għaddiet u ngħata sentenza sospiża.