Jisraq ir-rota ta’ kunsillier; se jiġi deportat

Read in English.

Raġel li ammetta li seraq ir-rota ta’ kunsillier ta’ Ħaż-Żebbuġ spiċċa ngħata sentenza sospiża u se jiġi deportat wara li nstab li l-visa tiegħu kienet skaduta.

Daniel Appau, li għandu 30 sena u oriġinarjament mill-Ghana, tressaq il-Qorti llum akkużat bis-serq ta’ rota li kienet ipparkjata quddiem l-uffiċċju tal-kunsill fi Triq Frans Sammut Ħaż-Żebbuġ. Ir-rota għandha valur ta’ €2,500. Sid ir-rota, li huwa l-Kunsillier Indipendenti Steve Zammit Lupi identifika lir-raġel li seraqlu r-rota. Din instabet madwar siegħa wara s-serqa.

Wara li ammetta l-akkużi miġjuba kontrih, ir-raġel ingħata sentenza ta’ 13-il xahar ħabs sospiżi għal sentejn. Minħabba li nstab li l-permess tiegħu li jirrisjedi f’Malta kien skada, hu se jiġi deportat lejn l-Italja, minn fejn kien oriġinarjament vjaġġa lejn Malta.

Fuq Facebook, Zammit Lupi kkonferma s-serqa u li kien hu li ssottometta r-rapport tas-serqa lill-pulizija. Madanakollu, hu kkjarifika li d-deportazzjoni tar-raġel mhux qed issir minħabba s-serqa, jew għax seraq mingħand kunsillier, iżda sempliċiment għax skadielu l-permess li jgħix Malta.