Jisraq ħwejjeġ tal-isport; jinħeles b’kundizzjoni

Read in English.

Raġel ta’ 25-il sena li joqgħod il-Furjana seraq ħwejjeġ tal-isport minn ħanut fi Psaila Street, Birkirkara. Huwa nħeles b’kundizzjonijiet tal-Qorti għal sentejn wara li ammetta li seraq ħwejjeġ li jammontaw għall-valur ta’ €550.

Niko Zammit, li nstab li għandu problema ta’ dipendenza fuq id-droga, tressaq il-Qorti mill-Ispettur James Grech hekk kif ġie akkużat li ċarrat l-alarm tags sabiex ma jinqabadx mis-sistema tas-sigurtà fil-ħanut.

Quddiem il-Maġistrat Joe Mifsud, Zammit wieġeb ħati għall-akkużi miġjuba kontrih u ammetta wkoll li kien reċediv. Fil-fatt fil-passat Zammit kien instab ħati li seraq handbag minn fuq mara ta’ 68 ġewwa l-Belt Valletta.

Fis-sentenza tagħha l-Qorti qieset il-fatt li l-akkużat ma ċaħadx l-akkużi miġjuba kontrih, anzi ammettihom sa mill-iktar stadji bikrin.

Il-Qorti ordnat lil Zammit biex iħallas multa ta’ €550.80 lis-sidien tal-ħanut fi żmien sitt xhur.