Jisraq bottijiet bil-flus tal-karità; jinżamm taħt arrest

Read in English.

Raġel li allegatamet seraq minn bottijiet li fihom jinġabru l-flus għall-karità u ttallab il-flus fit-toroq baqa’ jinżamm taħt arrest wara li l-Qorti semgħet li għandu bżonn l-għajnuna biex jgħeleb il-vizzju tad-droga.

Ir-raġel ta’ 34 sena mis-Siġġiewi tressaq quddiem il-Maġistrat Astrid May Grima fejn ġie akkużat b’serq, li kiser tliet kundizzjonijiet tal-ħelsien mill-arrest u li kkommetta kriminalità waqt perjodu ta’ probation. Hu ġie akkużat li ffastidja persuni f’Ħal Qormi bl-intenzjoni li jittallab. Dan wasslu sabiex jitlef €10,000 f’garanziji personali.

L-arrest sar lura fid-19 ta’ Awwissu wara li r-raġel seraq bott tal-karità minn spiżerija fis-Siġġiewi stess. Aktar tard kien ġie identifikat bħala tallab f’Ħal Qormi xi jumejn qabel il-każ. Hu wieġeb mhux ħati, madanakollu l-assistenza legali ma talabx għall-ħelsien mill-arrest.

Il-Qorti talbet ukoll li r-raġel jingħata l-għajnuna neċessarja sabiex jgħeleb il-vizzju tad-droga.