Jisraq 3 karozzi u jsuq xurban; jinżamm arrestat

Raġel li hu akkużat li seraq 3 karozzi f’ġimagħtejn, u ħabat b’waħda minnhom, qed jinżamm arrestat minkejja li wieġeb mhux ħati fis-seduta tal-Qorti llum.

Ir-raġel ta’ 39 sena mill-Għargħur, li huwa bennej, deher quddiem il-Maġistrat Ian Farrugia llum talli seraq vettura minn San Pawl il-Baħar fl-24 ta’ Novembru, talli saq taħt l-influwenza tad-drogi jew alkoħol u mingħajr assigurazzjoni. Kien akkużat ukoll li seraq karozza oħra mir-Rabat fl-4 ta’ Diċembru taħt l-effetti tad-droga jew alkoħol ukoll, u karozza oħra minn Birżebbuġa li biha ħabat hu u jsuq fiż-Żejtun.

Il-ħabta swiet lil sid il-karozza €770 fi ħsarat u €100 lil sid il-karozza li ħabat fiha.

Wara li ġie arrestat, ir-raġel beda jinżamm fl-Isptar Monte Karmeli.

Ir-raġel wieġeb mhux ħati iżda ma talabx għall-ħelsien mill-arrest.

Il-Qorti ddeċidiet li r-raġel għandu jinżamm arrestat, u rrakkomandat lid-Direttur tal-Ħabs biex iżommu fl-Isptar Monte Karmeli.